Overblog
Edit post Follow this blog Administration + Create my blog
buzu.over-blog.com

Kollox u fuq Kulħadd

Muscat mexxej…Delia għadu jsegwi

Muscat mexxej…Delia għadu jsegwi

Din il-ġimgħa ħareġ fil-beraħ x’inhi d-differenza fil-politika Maltija bejn iż-żewġ partiti. 

Il-moviment laburista għandu leader li jmexxi partit sod u magħqud warajh u l-partit nazzjonalista b’dak li suppost kellu jkun leader magħżul biex jagħti ħajja ġdida lil partit imfarrak, jispiċċa jsegwi lill-eks leader tiegħu fuq wara ta’ manifestazzjoni. Fejn b’hekk wera dgħjufija kbira fil-leadership meta ħaddan il-politika ‘telliefa’ ta’ ‘if you can’t beat them join them’.

Il-Prim Ministru li bħalissa mhux popolari ma’ dawk li ma jaqblux mal-iffriżar tal-embrijuni, lanqas ma’ dawk li qed jippuntaw subgħajhom lejh fuq il-korruzzjoni u żgur li mhux popolari mal-Knisja Maltija (għalkemm ma nafx meta l-labour kienu popolari mal-Knisja insomma) u wisq anqas mal-ġurnalisti barranin jew mal-familjari u ħbieb ta’ Caruana Galizia wera li bi stil sod,  kapaċi jmexxi lit-team tiegħu u lil poplu laburista b’id soda

Apparti l-problemi u li skandli  li jaffaċċja minn żmien għal żmien kapaċi jmur quddiem il-poplu, quddiem il-parlamentari tiegħu, quddiem il-minoranzi u jiġbor dak kollu li jkun tilef.  Anke jekk ċertu avvenimenti minnhom f’pajjiżi oħra waqqgħu anke kapi ta’ stat minn fuq it-tron.

U dan kapaċi jagħmlu għax hu ‘leader’ qawwi, leader li jmexxi l-idejat tiegħu, leader li b’xi mod jew ieħor kien kapaċi jnaqqas il-qagħad, jimla l-kaxxa bil-miljuni, jnaqqas it-taxxi. Kien kapaċi wkoll jibdel il-mod kif jaħsbuha l-maġġoranza u taha leħen lil minoranzi u b’hekk dejjem żamm bilanċ bejn il-voti li tilef u dawk li jirbaħ.

Simon Busuttil jekk qatt ma qal xejn sew żgur li għaraf sew lil Muscat meta kien sejjaħlu ‘salesman’. Li forsi ma ndunax Simon kien li Muscat kien ukoll fuq quddiem fejn jidħol il-bejgħ mhux biss tal-passaporti, iżda wkoll tal-idejat tiegħu. Għax kif jistqarr hu stess kapaċi jikkonvinċi lil kulħadd li jispiċċa jaqbel miegħu (anke jekk dan qatt ma ppruvah billi taha xi free vote). Dawn huma s-sintomi ta’ ‘leader’ kbir. Għax anke jekk jaħbi ftit mill-verita jew jgħawwiġha xi ftit bħala salesman kbir kapaċi jġagħlek iċċapċaplu.

Eżempju smajt id-diskors tiegħu fuq l-iffriżar tal-embrijuni fejn irnexxilu jqajjem lil dawk li qed jisimgħuh bil-wieqfa meta jgħidilhom li lest jiddiskuti, jisma lil kulħadd u se jitkellem ma’ kulħadd….iżda ‘JIEN SE NBIDDEL’.

Dan jista jagħmlu għax jaf li warajh għandu partit magħqud u oppożizzjoni magħquda daqs ġelat fil-forn.

Delia min-naħa l-oħra kien qed jidher li seta kien raġġ ta’ dawl għal partit b’mentalita ġdida, iżda wara tant tgħajjir u kliem iebes fuq Daphne Caruana Galizia, segwa lil grupp ta’ Simon & Co, bl-elitisti nklużi, li baqgħu bl-ideja li toħroġ fit-toroq u fil-parlament ewropew tinsulenta lil prim ministru bi kliem vulgari moħbi taħt lingwa Taljana flok qalulu bil-malti ‘Mur ħudu f’sormok’.

U Delia flok rebaħ lil dan il-grupp spiċċa  insulentat b’banners mċappsin ma’ wiċċu ta’ dak li kien qal fuq Daphne, meta għajjarha biċċa blogger u qala ħasla nobis minn l-istess iben ta’ Daphne Caruana Galizia. Ikolli nammetti li Delia b’dan l-aġir daħal fi sqaq li biex joħroġ minnu kulma jrid jagħmel hu li jeħles mill-grupp ta’ dawn ir-ribelli li għadhom segwaċi ta’ Simon u jekk m’humiex , żgur li lilu (Delia) ma jriduhx. 

Share this post
Repost0
To be informed of the latest articles, subscribe:
Comment on this post